Il-qalb trid tiġbed ’l hawn. Is-saqajn ’l hemm.
U viċiversa. Ma jiftiehmu qatt.
Filli jaqbdu t-triq lejn l-ilqugħ tal-bosk,
filli jduru lejn il-beraħ tax-xatt.
Kultant ma nafx għandix kontroll fuq ġismi
jew jienx marbut ma’ ħjut f’idejn xi ħadd.
Kultant inkun irrid nibbies, ninġazza,
u naqa’ silġa silġa sa ninħatt.
Jiem twal inwitti u nagħqad l-istess ċrieki
forma ta’ tmienja tħaffer fil-ħamrija.
Tmienja fuq tmienja, klessidra mimduda
li fiha r-ramel jorqod l-isbaħ raqda.
Tmienja fuq tmienja, in-nuċċali għadu ġdid
mitluq fuq l-iskrivanija mutraba.
Tmienja fuq tmienja, il-manetti ma’ jdejja
biex ma niżbaljax l-enneżimu żball.
Tmienja fuq tmienja, daqs l-ittri t’isimha
jiżfnu fost is-sħab sa s-sema jinħall.
Tmienja fuq tmienja, daqs saqajn il-brimba
tinseġ l-għanqbut fl-erba’ kmamar tal-qalb,
daqs it-tentakli tal-qarnita mqabbda
ma’ tifkira mhix tħallini ninqala’
mill-istess tmienja tħaffer tħaffer fl-art.
Tmienja fuq tmienja, l-età infinita
fejn għadni mistoħbi wara l-prinjola
tpetpet bil-boċċi u bil-lellixiet,
imwerwer wisq biex naffaċċja ’l missieri
jidfen lil ommi tixher fit-tapit.